Min aħna?
F’Ottubru tas-sena 1979, ħaddiema tal-Gvern li kienu jaħdmu fid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali, qablu li jiffurmaw grupp ta’ talb bil-ħsieb li jibdew jiltaqgħu flimkien waqt il-ħin tal-brejk. Żgur li dawn il-membri qatt ma basru li dan il-grupp ta’ talb kien ser jibqa’ ħaj għal ħafna snin wara.
L-idea li Ġesù hu t–Triq Ewlenija li twassalna għand il-Missier, spirat lil dawn l-ewwel membri biex dan il-grupp, li kien għadu kif twaqqaf, jibda jissejjaħ Prayer Group it-Triq.
Wara ftit laqgħat il-grupp beda jorganizza b’mod regolari u fil-ħin tal-brejk, attivitajiet spiritwali li bihom bdew jinvolvu ruħhom mijiet ta’ ħaddiema tal-Gvern. Beda jiġi organizzat quddies fl-Ewwel Ġimgħa tax-Xahar u l-Festi, qrar fil-post tax-xogħol, irtiri, laqgħat ta’ diskussjoni, kif ukoll Eżerċizzi tar-Randan. Ta’ min jgħid li f’dak iż-żmien l-attendenza għal dawn l-attivitajiet kienet tkun tassew numeruża. Illum, għalkemm il-grupp baqa’ jorganizza wħud minn dawn l-istess attivitajiet, wieħed jinnota li l-attendenza naqset b’mod konsiderevoli minħabba diversi raġunijiet. Fost dawn ir-raġunijet żgur li effettwa l-attendenza il-mod drastiku ta’ kif inbidlet il-ħajja matul dawn l-aħħar tletin sena. Żgur li d-diversi ċirkostanzi personali, kif ukoll l-kundizzjonijiet u ħinijiet tax-xogħol aktar flessibbli, (fejn allura ma baqax il-ħin tal-break komuni għall-kulħadd), impattaw b’mod qawwi fuq l-attendenza għall-attivitajiet.
Statwa ta’ San Franġisk li hemm fil-kantuniera mal-Knisja tal-Franġiskani Konventwali, il-Belt
Ħafna minn dawn l-attivitajiet dejjem saru fil-Knisja ta’ San Franġisk, il-Belt, u l-grupp iħossu grat ħafna lejn il-Patrijiet Konventwali li dejjem kienu ta’ għajnuna u sapport għal dan il-grupp ta’ talb it-Triq.
Fi Frar 1980, il-grupp irnexxielu joħroġ għall-ewwel darba, fuljett bl-isem IT-TRIQ. Dakinhar tqassmu 60 kopja fid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali. Il-fuljett baqa’ jitqassam b’xejn sallum fost ħaddiema tal-Gvern, f’diversi Dipartimenti u fost ħbieb imxerrdin ma’ Malta u Għawdex. Illum, jitqassmu kull xahar ’il fuq minn 1,000 kopja ta’ IT-TRIQ , kif ukoll jintbagħtu ’l fuq minn 350 email bil-fuljett mehmuż magħhom.
Jidher li l-Mulej ried aktar minn dan il-grupp. Jidher li l-Mulej ried li l-messaġġ li qed iwassal il-Prayer Group It-Triq ma jinxteridx biss mal-ħaddiema tal-Gvern u l-ħbieb, iżda saħansitra jasal sat-truf kollha tal-art. Fl-2004, il-grupp kellu proposta mingħand il-kumpanija Camline biex tittella’ website b’informazzjoni dwar il-grupp, l-attivitajiet li jorganizza, il-fuljett It-Triq ta’ kull xahar flimkien ma’ fuljetti tas-snin ta’ qabel, kif ukoll xi materjal utli għal min jixtieq jgħix il-messaġġ tal-Evanġelju. Camline mhux biss ħolqot il-website li wieħed seta’ jaċċessa billi jidħol: www.it-triq.org, imma għall-għoxrin sena sħaħ, għamlet il-manutensjoni tagħha u sponsorjat dan il-proġett. Minn Jannar 2024, wara li l-grupp ingħata għajnuna teknika mid-Delegat Episkopali għal-Lajċi, is-Sur Joe Farrugia, stajna naġġornaw il-website għal dik li hi illum.
Grazzi Mulej. Kompli użana lkoll biex inwassluk lill-oħrajn. Kompli għinna nwasslu l-messaġġ li “Ma’ Kristu l-ferħ possibbli.”