it-Triq
   it-triq
Gesu Kristu

 
 
 
   L-Istorja
 
   Il-Fuljett
 
   Ibgħat Artiklu
 
   Informazzjoni
 
   Agħmel Kuntatt Magħna   
Storja

F' Ottubru tas-sena 1979, ħaddiema tal-Gvern li kienu jaħdmu fid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali, qablu li jiffurmaw grupp ta' talb bil-ħsieb li jibdew jiltaqgħu flimkien waqt il-ħin tal-break. Żgur li dan il-grupp żgħir ta' nies ma kellux f' moħħu li dan il-grupp kien ser jibqa ħaj għal ħafna snin wara.

L-idea li Ġesu' hu t-triq ewlenija li jwassalna għand il-Missier, spirat lil dawn l-ewwel membri biex dan il-grupp, li kien għadu kif twaqqaf, jibda jissejjaħ Grupp it-Triq.

Wara ftit laqgħat il-grupp beda jorganizza b'mod regolari u fil-ħin tal-break, attivitajiet spiritwali li bihom bdew jinvolvu ruħhom mijiet ta' ħaddiema tal-Gvern. Beda jiġi organizzat quddies fl-Ewwel Ġimgħa tax-Xahar u l-Festi, qrar fil-post tax-xogħol, irtiri, laqgħat ta' diskussjoni, kif ukoll Eżerċizzi tar-Randan. Wieħed irid jgħid li f'dak iż-żmien l-attendenza għal dawn l-attivitajiet kienet tkun tassew numeruza. Illum, għalkemm il-grupp baqa' jorganizza dawn l-istess attivitajiet, wieħed jinnota li l-attendenza naqset b'mod konsiderevoli minħabba diversi raġunijiet.

Ħafna minn dawn l-attivitajiet dejjem saru fil-Knisja ta' San Franġisk, il-Belt, u l-grupp iħossu grad ħafna lejn il-Patrijiet Konventwali li dejjem kienu ta' għajnuna u sapport għall-Grupp it-Triq.

Fi Frar 1980, il-grupp irnexxielu joħroġ għall-ewwel darba, fuljett bl-isem IT-TRIQ. Dak in-nhar tqassmu 60 kopja fid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali. Il-fuljett baqa' jitqassam b'xejn sal-lum fost ħaddiema tal-Gvern, f'diversi Dipartimenti u fost ħbieb imxerrdin ma' Malta u Għawdex. Illum, jitqassmu kull xahar 'l fuq minn 2000 kopja ta' IT-TRIQ.

Jidher li l-Mulej irid aktar minn dan il-grupp. Jidher li l-Mulej irid li l-messaġġ li qed iwassal il-Grupp it-Triq ma jinxteridx biss mal-ħaddiema tal-Gvern u l-ħbieb iżda saħansitra jasal sat-truf kollha tal-art. Iva, il-Grupp għadu kif kellu proposta mingħand il-kumpanija Camline biex tittella' website b'informazzjoni dwar il-Grupp, l-attivitajiet li jorganizza, xi fuljetti antiki ta' IT-TRIQ kif ukoll xi materjal utli għal min jixtieq jgħix il-messaġġ tal-Evanġelju.

Grazzi Mulej. Kompli użana lkoll biex inwassluk lil oħrajn. Kompli għinna f'din IT-TRIQ li qbaddna.

   
Sponsored by: Camline Internet Services Ltd.